
Illum il-ġurnata hi ftit diffiċli li wieħed issib ħin biex jagħmel volontarjat. Madanakollu, il-benefiċċji tal-volontarjat huma ħafna. Apparti li joffri għajnuna lill-persuni fil-bżonn u lill-komunità inġenerali, l-akbar benefiċċju u sodisfazzjon jesperjenzah il-voluntier!
L-għajnuna lil ħaddieħor għandha impatt pożittiv kemm fuq is-saħħa mentali kif ukoll is-saħħa fiżika tal-individwu. Fost ħafna benefiċċji nsibu li l‑volontarjat jgħin biex inaqqas l-istress, jikkombatti d-dipressjoni, iżomm l-individwu motivat u jipprovdi sens ta’ skop u identità. Meta int tkun voluntier, ma jfissirx li bilfors trid tiddedika l-ħin kollu tiegħek taħdem lejn il-komunità.
